Pajjiżna qed jagħmel suċċess internazzjonali fil-qasam ta' l-IT
Miktub: 6/18/2007 7:02:03 PM
Awtur: Charles MUSCAT

Team ta’ erba’ studenti universitarji Maltin mid-Dipartiment tal-Computer Services and Artificial Intelligence rebħu kompetizzjoni reġjonali tal-Microsoft imsejħa Image Cup. Issa huma se jikkompetu fil-finali li se ssir fil-Korea ta’ Isfel f’Awissu li ġej. L-istudenti huma Abigail Cauchi, Jennifer Fenech, Karl Fenech u Luana Micallef iltaqgħu ma’ Austin Gatt, il-Ministru għall-Investiment, Industrija u IT fl-uffiċċju tiegħu fil-Ministeru l-Belt.

Huma kienu akkumpanjati minn Professur John Abela, id-Direttur tad-Dipartiment tal-Computer Services and Artificial Intelligence. Abigail Cauchi f’isem l-istudenti spjegat il-proġett li bih rebħu l-kompetizzjoni reġjonali u li bih se jikkompetu fil-Korea. Il-Ministru Autin Gatt feraħ lill-istudenti tas-suċċess tagħhom u saħaq dwar l-importanza tat-teknoloġija ta’ l-informazzjoni fil-futur tal-pajjiż. Hu qal li dan is-suċċess hu dovut ukoll għall-ftehim ta’ koperazzjoni li l-Gvern Malti għandu mal-Microsoft.

Austin Gatt qal li pajjiżna jrid jimmira biex ikun l-aqwa anke f’dan is-settur u fakkar li s-sena li għaddiet l-istudenti tal-MCAST ukoll kienu kisbu suċċess u ġew fit-tieni post f’kompetizzjoni internazzjonali. Il-Ministru Gatt ippreżenta ċertifikati u tifkira lill-istudenti bħala rikonoxximent għas-suċċess tagħhom.



© 2004-2007 - Media.Link Communications Co. Ltd - www.maltarightnow.com