L-MŻPN jifraħ lil studenti Maltin li rebħu kompetizzjoni tal-Microsoft |
Miktub: 6/20/2007 12:22:32 PM Awtur: maltarightnow.com |
Fi stqarrija li ħarġu l-MŻPN feraħ lil l-erba' studenti universitarji
Maltin mid-Dipartiment tal-Computer Services and Artificial
Intelligence ta' l-Universita' ta' Malta li rebħu kompetizzjoni
reġjonali tal-Microsoft imsejħa Image Cup. Dawn l-istudenti issa se
jikkompetu f'finali li se ssir ġewwa l-Korea t'Isfel f'Awwissu li ġej.
L-MŻPN
qalu li għal darb'oħra din hi konferma tal-kapaċita' taż-Żgħażagħ
Maltin li qegħdin jaħtfu l-opportunitajiet li qegħdin jingħataw lilhom
u jibdluhom f'suċċess kemm għalihom kfi ukoll għal pajjiżna. Dan
ikompli mas-suċċess li kisbu grupp ieħor ta' studenti Maltin
mill-Kulleġġ ta' St Martins Institute for IT li f'eżamijiet
mill-Universita' ta' Londra fil-qasam tat-teknoloġija u l-Informatika
ġew l-ewwel fid-dinja. Is-sena li għaddiet ukoll l-istudenti ta'
l-MCAST kienu kisbu suċċess u ġew fit-tieni post f'kompetizzjoni
internazzjonali.
L-istqarrija tal-MŻPN tkompli tgħid li
l-Universita ta' Malta u l-MCAST li llum jilqgħu fi ħdanhom eluf ta'
studenti Maltin u Għawdxin hu investiment qawwi fil-ġejjieni
tal-pajjiż, fl-industrija, fil-kummerċ u fis-servizzi. Is-suċċess li
qed iġibu lejn pajjiżna ż-żgħażagħ u l-istudenti Maltin u Għawdxin hu
frott tal-kapaċita' ta' l-istess żgħażagħ u studenti u ta'
l-investiment qawwi li qed isir fil-qasam edukattiv li hu investiment
fil-ħiliet, fil-kapaċitajiet u fl-għerf tal-bniedem bħala riżors u
bħala kapital uman.
© 2004-2007 - Media.Link Communications Co. Ltd - www.maltarightnow.com |